contact: info@sandrovella.org

Saturday, 12 January 2008

Strajk ċellulari

Jiena nirċievi u jiena nippubblika:

16 ta’ Jannar 2008 – Strajk għall-użu tal-mobile

Kif wieħed jinnota mill-ittra li dehret fil-gazzetta The Times of Malta, li tinsab miktuba iżjed l-isfel, il-Vodafone u l-GO Mobile dawru l-prezzijiet tal-messaġġi favur tagħhom minnħabba t-tibdil fil-munita; mil-lira Maltija għall-euro.

L-Erbgħa, 16 ta’ Jannar 2008 għandna nieqfu nużaw il-mobile għal ġurnata sħiħa bħala turija ta’ protesta għal din iż-żieda nġusta fil-prezzijiet.

Fl-għaqda ninstemgħu!

Fl-għaqda nissaħħu!

L-ittra li ntbagħtek lit-Times of Malta hija din :


Il-prezzijiet il-ġodda tal-messaġġi tal-mobile -

Jekk tidħol fil-web-site tal-Vodafone u l-GO Mobile, wieħed ikun jista’ jara li mill-1 ta’ Jannar 2008, il-messaġġi għandhom prezz ta’ 0.05 euro ċenteżmi kull wieħed. Attwalment dawn għandhom prezz ta’ 2 ċenteżmi Maltin kull wieħed.

Jekk Lm1 issarraf f'2.33 euros, dan ifisser li 50 messaġġ għandhom jiswew ukoll 2.33 euros.

Xorta wieħed isib li mill-1 ta’ Jannar 2008, dawn il-50 messaġġ se jiswew 2.50 euros.

Din hija żieda ta’ seba’ fil-mija minnħabba l-bidla fil-munita għall-euro.

B’40 miljun messaġġi li jintbgħatu kuljum fix-xahar, dan se jservi ta’ 1.6 miljun ewro f’iżjed dħul miż-żewġ kumpaniji tal-mobile: Vodafone u GO Mobile.

Dan huwa FAIR?

David Thake, Sliema

Ifirxu din l-ittra u ċemplu lill-customer care tal-Vodafone u tal-GO Mobile li dan mhuwiex ġust. Dan huwa li riedu jfissru bl-E-Fair?



Il-prezz taż-żejt jogħla u kulħadd jibqa’ jikkonsma l-plastik u l-karozzi.

Jogħla l-prezz tal-messaġġi tal-mobile: tqum protesta.

Lill-Malti aħxilu lill-mara imma tmisslux it-television.

Il-kumpaniji telefoniċi ilhom jisirquna snin twal. Bil-barka tal-gvern. Din l-istorja ta’ l-euro hija biss simbolu. Din hija biss faċċata sfaċċata. Il-poplu nduna li l-messaġġi tal-mobile għolew b'seba’ fil-mija.

Kienet teżisti wkoll web-site Maltija : Illejla.com fejn setgħu jintbgħatu messaġġi bla flus. Ingħalqet!

It-tweġiba tal-linja ewro hija sempliċi: il-kumpaniji tal-mobile phones se jgħollu l-messaġġi imma se jraħħsu t-telefonija.

It-telefonija kienu se jraħħsuha xorta. Il-konsumaturi saru jibgħatu l-messaġġi biex jiffrankaw mit-telefonija u ndirettament se jerdgħuh.

Fl-2005, Michael Powell, kap tal-Federal Communications Commission li xogħolu huwa regolatur tat-tele-komunikazzjoni, qal li t-telefonija kif konna nafuha dak iż-żmien hija mejta.

L-ewwel darba li niżżilt Skype, fhimt li d-dinja kienet destinata li tinbidel meta b’sempliċi software stajt iċċempel bl-irħis barra minn Malta u l-kwalità kienet vera tajba.

Illum Skype ġiet mixtrija minn E-bay għal skopijiet kummerċjali u bi Skype illum trid tħallas ir-rata ta' l-attivazzjoni wkoll.

Mill-2007 bdejt nuża web-site Ġermaniża li għandha tariffi inferjuri ta’ Skype.

It-tariffi Voipstunt.comVoipdiscount.com Internetcalls.com dwar telefonija fissa huma eċċezzjonali. Tista’ ċċempel madwar id-dinja kollha pratikament b’xejn.

Tista’ ċċempel ukoll b’xejn lill-mobiles ta’ l-Amerika u huwa konvenjenti ċċempel fuq mobile phones Maltin u ewropej. Ankè dwar l-SMSs, jiġu frankati 50% rispett għas-serq awtorizzat ta’ Malta.

Għadhom ma fehmuhix din dawk li jagħmlu l-użura bl-ilħna, li jaqalgħu ħafna flus fuq il-kliem tagħna.

Il-problema fit-teknoloġija mhijiex il-privatizazzjoni, imma l-monopolju. Il-privatizazzjoni għandha tkun pubblika. Privata fl-użu individwali. Il-kankru tal-monopolju daħal fil-pluraliżmu.

Din hija soċjetà ta’ monopolju dual price: Vodafone u Go. Il-ħabiba Melita għadha msakkra fil-gwardarobba.

Malta m’għandhiex dritt li jkollha kumpanija li tassew tbiddel l-affarijiet u li tkaxkar dawn il-baleni. Il-Maltin bil-baleni jqisu x-xifer tal-possibilitajiet.

Dejjem l-istess storja ta’ kumpaniji jipprovdu l-istess affarijiet. Jikkompetu biss fuq il-prezzijiet li jkunu miftemha minn qabel biex ma jkissrux lil xulxin bl-ebda mod.

L-istorja ta’ l-SMS hija biss ħmerija ħdejn is-servizz ħażin u xorta għoli għall-konsumatur.

Ankè l-Wi-Fi MAX li jista’ jkun ta’ kulħadd. Għoxrin platt Wi-Fi MAX: u Malta kollha tkun fix-xibka elettronika bi spiża minima.. Il-gvern se jinvesti f’żewġ wires ġodda bejn Malta u Sqallija biex, skond Austin Gatt: “kulħadd ikollu aċċess għall-internet” u jpaxxi u nkarku magħna l-kumpaniji telefoniċi, flok jimplimenta l-Wi-Fi MAX nazzjonali.

Il-Maltacom sparixxiet minn mindu belatha t-Tecom ta' Dubai u l-gvern tilef il-kontrol fuq it-telefonijja fissa.

Il-kumpaniji telefoniċi jkattru x-xogħol fl-istudenti ta’ l-informatika. Dnub li l-call centres magħmul minn gradwati universitarji u x-xogħol tagħhom qiegħed jispiċċa fil-karta bluna.

Il-protesta tiegħi ta’ l-SMSs se tkun awtomatika. L-aħħar li rċivejt messaġġ kien “Is-Sena t-tajba 2008” minn għand kandidat laburista żagħżugħ ġdid fid-distrett tiegħi. Ma stajtx inwieġbu lura peress li bagħtli messaġġ awtomatiku mill-GO.


Biex tikteb kumment dwar l-artiklu, "Strajk ċellulari": għafas hawn.

0 Comments:

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home