Solidarjetà 2007

Xi tfisser il-kelma solidarjetà?
Induru bir-rota għal min jinsab fuq is-siġġu tar-roti bħala turija ta’ solidarjetà.
Niġru 40 kilometru għal min ma jistax jimxi bħala turija ta’ solidarjetà.
Jintrebħu vouchers biex tagħmel il-pedicure u tqaxxar is-suf għas-solidarjetà.
Solidarjetà hija meta bniedem iqaxxar xagħru biex ikun solidari mal-fartas. Il-ministru tal-kultura kien solidari ħafna miegħi f'dan il-każ bħalma Bill Gates huwa solidari ma’ Grace Borġ!
Iż-żgħażagħ tagħna qed jaħsbu li tagħmel karità meta tmur tieħu kwart kors ta’ l-ECDL, tirbaħ voucher ta’ Lm3 ġo ħanut li kollox jiswa’ iżjed minn Lm10; tagħti donazzjoni tnax il-darba għax marritlek il-vacuum cleaner u l-ħadida tal-mogħdija qegħda tagħmel il-kapriċċi. Solidarjetà hija li biex it-tifel ma jmurx Paceville u jqajjem lil ommu fit-3.00a.m.: trebbħu l-playstation. Solidarjetà hija li tirbaħ LCD television biex il-mara ma ddejjaqlekx il-bajd biex tara Beautiful waqt li għaddejja t-tazza tad-dinja.
Solidarjetà! Irnexxielhom ibiddlu d-direzzjoni ta’ din il-kelma wkoll billi żammew it-tifsira imma mmanipolawha. Il-manipolazzjoni mhijiex meta tbiddel il-fatti imma meta l-fatti jiġu proponuti kif iridu huma! Għandu raġun jirbaħ it-tender.
Il-knisja tesprimi solidarjetà mal-foqra. Il-ġiżwiti jesprimu solidarjetà mar-refuġjati għax m’għandhomx fejn joqogħdu. Il-McDonalds, Tumas Group u l-MCP Car Park urew solidarjetà ma’ l-istrina billi ħallsulhom il-premijiet!
Malli tieħu żewġ nifsijiet mill-MCP Car Park, irbaħt feature b’xejn mal-kif tista’ ma ċċempilx!
Jonqos Bin Laden jesprimi solidarjetà mal-familjari ta’ Bhutto; jonqos li l-partit nazzjonalista u Eddie Fenech Adami jesprimu solidarjetà ma’ Alfred Sant u l-inkwadru jkun komplut!
Malta hija kollha bbażata fuq is-solidarjetà. Intefaw ministri li ma jifhmux f’xogħlhom bħala turija ta’ solidarjetà li ankè l-inqas nies kompetenti għandhom opportunità jirnexxu fil-ħajja. Jason Micallef huwa eżempju kbir ta’ solidarjetà wara Jimmy Magro!
Il-poplu juri wkoll solidarjetà mal-partiti politiċi u jħallsu għall-kampanja elettorali minn sena wara l-elezzjoni. Flok il-politiku jkun solidari mal-poplu huwa l-poplu li jkun solidari mal-politiku.
Iċ-ċittadin jagħti donazzjoni lill-partit tiegħu biex meta jiġi bżonnu: jurih l-irċevuta.
Is-solidarjetà ġiet maqluba ta’ taħt fuq.
Is-solidarjetà 2007: Investiment għall-futur tad-donatur.


































0 Comments:
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home