Sintomi f'Pembroke

ritratti: Roger Azzopardi
mill-web-site ta' John Pisani
L-istraġi ta' Pembroke huwa sintomu. Kemm sinjali ġejjin, kuljum, mill-ġisem ta' dan in-nazzjon marid? Tnejn imutu fuq il-post tax-xogħol. Ħamsa f'daqqa fil-kamra tan-nar biex il-Malti jifraħ waqt il-festi reliġjużi. Barranin stuprati. Pulizija jsawwat anzjana u anzjana ssawwat lill-pulizija biex iċaqilqu karozza. Impjegati tal-lottu bl-arma tan-nar ma' rashom biex il-ħallelin jaqalgħu sitt xhur xogħol. Inċidenti tat-traffiku ħabba nuqqas ta' pjanar dwar l-ilmijiet tax-xita.
Kull fil-għodu hija ġlieda. Il-posta ġġib il-faqar fid-djar tagħna. Il-kontijiet eżaġerati tas-servizzi pubbliċi. Multi kbar ħabba ritardamenti, ukoll ta' jum wieħed fuq il-ħlasijiet. Taxxi velenużi fuq il-propjetàjiet. Dejn ħabba l-karozza, id-dentist, l-iskola. Ix-xempju ta' l-ambjent. Traffiku bla sens. It-trabijiet tal-karozzi u ta' l-inċenerituri li jidħlu ġewwa ġisimna. Mingħajr ħadd ma jċaqlaq subajh. Il-kuntratturi fuq il-lemin u l-pitrolju fuq ix-xellug.
L-appartament: id-dar, is-sittin metru kwadru jsir refuġju. Iċ-ċella l-ġdida ta' l-iskjavi għal min jista' jlaħħaq. U mit-televiżjoni jiġu materzjalizzati l-inkapaċi. Dawk li jagħmlu d-dikjarazzjonijiet. Kuljum. L-inkapaċità għall-poter jiġġenera monstri. Martin Gatt huwa sintomu. Imma dan għadu l-bidu. Se jiġu oħrajn.
Gonzi u Sant huma n-nies li jiddeċiedu l-futur tagħna. B'dak il-wiċċ! Jikkonkludu kunsilli ġenerali u jattendu summits ta' jumejn biss kemm jippreparaw is-soufflè.
Jiġi diskuss l-ambjent u jitkellem Pullicino. Tiġi diskussa l-kultura u jitkellem Zammit Dimech. Tiġi diskussa l-infrastruttura u jitkellem Mugliett. Tiġi diskussa l-ekonomija u jitkellem Leo Brincat. Tiġi diskussa t-teknoloġija u jitkellem Gatt. Tiġi diskussa s-saħħa u jitkellem Sant ma' l-eżorċista……..
Wieħed biss jonqos jitkellem. Ma jistax għax trux. L-istonku tagħkom. L-istonku tan-nazzjon li għandu ġuħ ta' futur u tiġdid.
L-istonku tagħkom biss jista' jġib il-bidla jew il-ġenn.
informazzjoni:
John Pisani, ġurnalist.


































0 Comments:
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home