Jum it-Trattat

It-trattat ta' Lisbona ffirmat.
Din l-aħbar importanti għal Malta ġiet preċeduta għaxar minuti wara minn aħbar li seħħet jum qabel. Id-di-ve biddlu s-suf imma mhux il-vizzju.
L-1 ta' Mejju m'għadux jum il-ħaddiem iżda jum li Malta daħlet fl-unjoni ewropea u t-13 ta' Diċembru minn jum ir-repubblika sar jum il-firma tat-trattat ta' l-unjoni ewropea. Għandu raġun Gonzi jnaqqas il-vaganzi.
Din hija l-aħħar sena li l-president jonora lil dawk li taw appoġġ lin-nazzjonalisti għal ġieħ ir-repubblika. Mill-2008, il-premju se jkun "Ġieħ il-Lisbona."
L-ewwel premjat se jkun il-Gonz u se jiġi vvutat minn fuq xi web-site ġurnalistika fejn l-istess persuna tista' tivvota ħafna drabi. Kemm tiżvojta l-cache memory u tħassar il-cookies tal-browser bħal ma ġralu l-preċedessur meta laħaq l-ewropew tas-sena minn gazzetta ewropea li tinbiegħ bl-isterlina.
Forsi Eddie kien ħaqqu għax almenu għamel referendum li kieku mitluf żgur ma kienx se jiġi rispettat.
Ovvjament, waqt li Gonzi kien qed jiffirma, il-partit laburista kien okkupat jiġbor il-fondi biex jara kif se jitlef l-elezzjoni ġenerali taħt trattat ġdid li minn prim ministru tagħmlu kunsillier. Din is-sena Joe Saliba ma setgħax jikkompetilu fl-istess data, għax il-prim kellu qadja ta' malajr f'Lisbona.
Il-Fredu nazzjonali beża' jmur kontra l-Gonz f'dan ir-rigward għax beża' li n-nies terġa' ma tivvutalux minn ħabba l-ewropa. Għax Fredu jitgħallem mill-passat. Prefera jġib lura l-passat li ma jattendix programmi tal-Where's Everybody? milli passat li jitlef l-elezzjoni ħabba valuri li jagħmlu sens.
Għandi informazzjoni li t-trattat ġie ffirmat fit-13 ta' Diċembru apposta minn ħabba Malta. Biex żgur Fredu ma jaqgħax fil-vizzju u jerġax jaħsibha u jkun aljenat fid-diskors intens li jrid jipprepara lill-laburisti dak in-nhar tad-donazzjonijiet.
Meta prim ministru jitlob pariri m'għand il-poplu fuq il-budget li jiskadi qabel ma jibda u ma jitlobx parir fuq dan it-trattat etern, dan ifisser li ċ-ċittadin Malti huwa ostaġġ.
Ewropa mingħajr il-parir tan-nies. Bħall-gwerra ta' l-Iraq mingħajr ir-rieda taċ-ċittadini.
Il-poplu huwa extra fil-film tal-Gladiator. Xi kultant ittihom xi ferħa żgħira, imma finalment: eliminazzjoni ta' kull rappreżentanza. Pratikament l-istorja tar-riżenja ta' Alfred Sant.
Kif kien jgħid is-soċjologu Jean Baudrillard: sejrin naħbtu ma' forma demokratika ta' terroriżmu ta' l-istat.
Mhux se jeżisti trattat wieħed (bħall-kostituzzjoni ewropea), imma se jiġu mġedda t-trattati l-antiki.
Mhux se jkun hemm "ministru ta' l-affarijiet barranin" ewropew u se jibqa' dak "l-għola rappreżentant għall-politika barranija u sigurtà komuni" iżda b'poteri rafforzati indikati fit-trattat u se jkun ukoll viċi-president tal-kummissjoni. Din hija r-raġuni li John Dalli reġa' daħal fix-xena.
Il-Gonz għandu professuri tajbin għall-logħob bil-kliem u jdawwru t-tifsira agħar mit-thesaurus.
Il-presidenza tal-parlament ewropew se jibda jkollha mandat ta' sentejn u mġedded biss darba. Micheal Frendo qed jipprepara għall-kampanja elettorali.
Il-"card tad-drittijiet fundamentali" mhux se tkun integrata fit-trattat ħlief għall-Ingilterra li tista' tirreferi għall-klawsola opt-out biex tippreserva il-"common law". L-Ingilterra huwa l-uniku pajjiż li mhuwiex parti mill-ewropa u l-ewropej jitkellmu bl-ingliż biex jiftehmu.
Il-Gonz ewropew se jagħti iżjed informazzjoni dwar dan it-trattat, is-Sibt, 15 ta' Diċembru 2007 waqt il-maratona ġbir ta' fondi għall-fundamenti tad-dar ċentrali. Mistenni jidher ukoll is-segretarju parlamentari Tony Abela jitlob l-apoloġija ta' qabel l-elezzjoni b'Lm500 fil-but tal-lemin u bir-ritratt ta' Ratzinger fil-but ta' maġenb il-bajd.
informazzjoni:
Europa.eu


































0 Comments:
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home