Il-Messaġġ tal-Milied

Dorian Cassar jixraqlu l-premju Joseph Pulitzer. Il-ġurnalist tad-di-ve.com ippubblika l-messaġġi tal-milied ta' l-arċisqof li għadu ma tax tweġiba lill-omosesswali, tal-president li qasam Malta fin-nofs, u tal-prim ministru li biegħ ruħu lill-avversarju tiegħu biex jilgħaq l-iċken vot. Il-prim ministru ta' Malta huwa l-bambin li kiel il-ħobż li x-xitan għamillu flok il-ġebel u dawk ta' qablu mhux inqas minnu. Il-president ma' Żeppi l-Ħafi u l-arċisqof mad-dehebijiet.
Dorian Cassar jixraqlu dan il-premju prestiġġjuż għax fl-artiklu tiegħu, għamel linja taħt il-kelma : "messaġġi tradizzjonali" bl-iskuża li dak il-kliem jeħdok ġo paġna oħra.
Messaġġi tradizzjonali għax dejjem l-istess kliem fil-vojt. Kliem ipokrita u politiku. L-arċisqof irid il-valuri tal-familja jibqgħu sodi u b'dan il-mod għandu jiġi evitat l-adulterju. L-arċisqof għandu bżonn jagħraf li l-valuri tal-familji huma valuri umani u mhux valuri sodi taċ-ċentri ta' l-euros li jinsabu fil-propjetà tal-knisja.
L-istess euro li biha jiftaħar il-prim ministru u li se tgħaqqad lill-Maltin bħala familja waħda. Skond il-prim u l-preċedessur tiegħu fil-messaġġi tal-milied: hija l-munita u l-bankiera li jgħaqqdu l-familji. Jiena kont naħseb li l-frott tax-xogħol tal-familji huwa li jagħqad grupp bankarju u mhux viċe-versa.
Fl-20 ta' April 1889 twieled Adolf Hitler. Erbat ijiem qablu twieled Charles Chaplin, il-bniedem li sfida lil Hitler. Sfidah bil-libertà li kellu f'idejh: iċ-ċinematografija u l-ironija.
Jiena kull ma fadalli huwa dan il-blog.
Fil-25 ta' Diċembru 1977, (30 sena ilu) Charles Chaplin imut. Imma ħalla warajh messaġġ tal-Milied. Messaġġ ta' kull milied u ta' kull żmien. Messaġġ li sfortunatament qatt mhu se nisimgħuh minn ħalq il-prim ministru, il-president u l-papa. Dawn li jilbsu l-maskra ta' demokratiċi kbar biex jgħattu lid-Dittatur il-Kbir. Attur u poeta biss kapaċi jitkellem u jħoss b'dan il-mod:
" Jiddispjaċini, imma jiena ma rridx inkun Imperatur - dik mhux affari tiegħi. Ma rrid nikkmanda u ma rrid naħkem lil ħadd. Nixtieq ngħin lil kulħadd jekk huwa possibbli: Lhud, Kristjani, suwed, bojod. Aħna lkoll nixtiequ ngħinu lil xulxin, aħna l-umani magħmulin hekk.
Għandna ngawdu u ngħixu fuq il-ferħ ta' ħaddieħor, u mhux fuq il-miżerja ta' ħaddieħor. M'għandnix ninbagħdu u niddisprezzaw lil xulxin. F'din id-dinja hemm lok għal kulħadd u d-dinja hija sinjura u tista' tipprovdi għal kulħadd. Il-ħajja tista' tkun ħielsa, ferriħija u sabiħa. Imma aħna tlifna t-triq.
L-egoiżmu ivvelena l-qlub tagħna, bena dinja bil-mibegħda; waslitna b'għarkubbtejna magħluqa fil-miżerja u t-tixrid tad-dmija. Żviluppajna l-pass ta' l-ispazju imma ngħalaqna fina nfusna: il-magna ta' l-abbundanza provditilna l-faqar. L-ixjenza għamlitna dubjużi, il-kapaċità tal-ħsieb għamlitna kattivi u iebsin. Naħsbu ħafna u nħossu ftit ħafna. Iżjed mill-magni għandna bżonn l-umanità. Iżjed minn l-intelliġenza għandna bżonn ħniena u tjubija. Mingħajr dawn id-doti, il-ħajja se tkun vjolenta u kollox se jintilef.
L-ajruplani u r-radju qarrbuna flimkien. L-istess natura ta' dawn l-invenzjonijiet tagħjat it-tjubija tal-bnedmin, tagħjat il-fratellanza universali għall-għaqda tagħna lkoll. Ukoll issa leħni qed jitwassal għand miljuni ta' nies f'kull parti tad-dinja, miljuni ta' rġiel, nisa u tfal iddisprati, vittmi ta' sistema li ġġagħal lill-bniedem jittortura u jaqfel fil-ħabs nies innoċenti.
Għal dawk li jistgħu jisimgħuni jiena ngħidilhom: "Tiddisprawx!"
Il-miżerja li laqtitna hija xejn ħlief effett ta' l-egoiżmu tal-bniedem, id-dwejjaq ta' dawk li jibżgħu mill-progress ta' l-umanità: il-mibegħda tal-bniedem se tgħaddi dal-waqt u d-dittaturi ser imutu u l-poter li ħatfu mid-dinja se jerġa' jmur lura għall-poplu, b'kull mezz li jistgħu jużaw bħal qtil iżda l-ħelsien ma jista qatt jiġi soppress.
Suldati! Tagħtux ruħkom lil dawn il-kattivi li jiddisprezzawkom, u li għamlukom skjavi, li ħajjitkom għamluha reġiment, li jgħidulkom xi tridu tagħmlu, dak li tridu taħsbu u dak li tridu tisimgħu, jittrattawkom ta' bestji, jikkundizzjawkom, jissfruttawkom, tieklu dawk li jridu jitimgħukom huma, jibgħatukom għall-qatla! Tagħtux ruħkom lil dawn in-nies bla qalb, bnedmin tal-magni, b'magna flok il-moħħ u b'maqna flok il-qalb! Intom m'intomx magni. Intom m'intomx bestji. Intom bnedmin!
Intkom għandkom l-imħabba f'qalbkom għall-umanità. Intom ma tobogħdux! Huma dawk li m'għandhomx imħabba għal ħaddieħor li jobogħdu. Suldati! Tiġġildux għall-iskjavitù! Iġġildu għall-ħelsien!
Fis-sbatax il-kapitlu ta' San Luqa hemm miktub li "r-renju ta' Alla huwa fil-qalb tal-bnedmin." Mhux f'ta' bniedem wieħed, mhux ta' grupp ta' nies, imma fikom kollha. Intom, il-poplu, għandkom il-poter li toħolqu l-magni, toħolqu l-ferħ, intkom għandkom il-qawwa li tagħmlu l-ħajja avventura sabiħa, ħielsa u ferħana. F'isem id-demokrazija, ejja nużaw din il-qawwa, ejja ningħaqdu flimkien u niġġieldu għal dinja ġdida li tkun aħjar, li tagħti lill-irġiel possibilità li jaħdmu, liż-żgħażagħ intuhom ġejjieni, u l-anzjani ntuhom sigurtà.
Bil-wegħdi ta' dawn l-affarijiet, il-kattivi telgħu fil-poter, imma gidbu!. Ma żammewx il-kelma tagħhom u qatt mhu se jżommuha. Id-dittaturi huma ħielsa għax lill-poplu jagħmluh skjav. Allura ejja niġġieldu għal dawk il-wegħdiet, ejja niġġieldu biex neħilsu d-dinja biex neliminaw il-konfini, l-ostakli, l-egoiżmu, il-mibegħda u l-intolleranza. Ejja niġġieldu għal dinja raġjonevoli, għal dinja fejn xjenza u progress jipprovdu l-ferħ għall-umanità.
Suldati - f'isem id-demokrazija, ejja ningħaqdu flimkien! "
mill-film THE GREAT DICTATOR (1940) ta' Charles Chaplin.
Id-diskors oriġinali:


































1 Comments:
Sandro,
Qiegħed nara din il-bloggata issa u għalhekk kemmxejn tard. Imma bloggata sublimi, fiċ-ċinematografija fqir daqs it-televiżjoni lokali, u ħadt pjaċir ħafna nara il-film mill-You Tube.
Kriminali li bloggata bħal din ma jkolliex kumment wieħed!
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home