contact: info@sandrovella.org

Sunday, 23 December 2007

Il-Blogosfera Maltija

(ritratt) Jacques Renè Zammit, blogger iħokk rasu jgħodd il-kinnie u t-twistees li għandu jħallas. Dan il-blog għandu l-privileġġ jgħid li permezz tiegħu: Għawdxi ħallas il-kont ta’ 10 bloggers u l-qarrejja tagħhom u l-agħar li: spiċċa jħallas il-kont tiegħu wkoll.

Is-Sibt, 22 ta’ Diċembru 2007, kif miftiehem, il-Bloggers Maltin iltaqgħu. Attendew xi qarrejja u ħbieb ukoll.

Il-bloggers preżenti : -

Wendy – La Delirante
- minn El Salvador u tgħix Malta.

David Cuschieri
- accountant ġo kumpanija ta’ Insurance.

Jean Paul Galea
- student mistħi fil-Junior College. (mistħi bħala persuna u mhux jistħi għax imur il-Junior College)

Rebecca
- mara friska miż-żwieġ.

Claire Bonello
- l-avukatessa tal-futur. Diġà qegħda tipprepara l-awtobiografija.

Rupert Cefai
- pittur modest li l-isbaħ pittura pinġiha f’għajnejn il-mara tiegħu preżenti għall-laqgħa. Il-pitturi ta’ Rupert huma ħafna irħas minn ta’ Norman Lowell.

Jean Paul Borġ
- bankier li se jagħmel programm ma’ Josephine Zammit Cordina.

Vlad Oxford Transilvania
- ġurnalist li ma jeżerċitax Malta. Ħabib kbir u ntimu ta’ Anthony Licari.

Justin
- li l-paġna tal-blog tiegħu abbandunatu.

Jacques Renè Zammit
- li għadni ma qbadtx art x’xogħol jagħmel. Però jaħdem żgur għax ħallasli kinnie minn ġol-ħġieġ u pakkett twistees mill-oriġinali u mhux less cheese; less twistees.

u ovvjament: jiena, kif jixhed ir-ritratt meħud ċar kristall ħafna mill-camera professjonali ta’ Jacques.

Bloggers minn ambjenti differenti. Bloggers b’fehmiet u ideat differenti. Bloggers bla ebda linja editorjali.

L-informazzjoni hija bbażata fuq il-fiduċja.

Kull min għandu fama dgħajfa jista’ jgħid li jrid għax qatt mhu se jiġi emmnut. Għalhekk Pullicino u Francino m'attendewx il-laqgħa tal-bloggers Maltin. Apparti li s-Sibt fil-għaxija, il-fotografi ma jaħdmux.

Jista’ jikteb li jrid fuq il-gazzetti u jidher kemm jiflaħ fuq it-televiżjoni, inutli: mhux se jiġi emmnut.

Jista’ jkun prim ministru ta’ malta, jistgħu jieħdu sehem f’żewġ programmi fl-istess ħin bħal San Ġorġ Preca: xorta ma jiġux emmnuti.

F’Malta hawn kriżi kbira ta’ kredibilità.

Dak li huwa inkredibbli, il-media tagħmlu kredibbli għax huma posseduti minn gruppi ekonomiċi biex il-gruppi ekonomiċi jagħmlu aħjar in-negozji tagħhom.

Il-ġurnalisti għandhom familja. Iridu jmantnuha. B’hekk jimxu mar-rieda ta’ l-editur u mhux tal-qarrej.

Il-blogger huwa ġurnalist li jikteb fuq l-internet mingħajr m’għandu editur. Għandu biss il-qarrej u għandu jwieġeb lilu biss.

Qed jipprovaw ibiddlu wkoll is-sens vera tal-blog. L-ewwel ma tħajjret kienet it-Times of Malta u dritt warajha l-gazzetta tax-xarabank: Kif? (paġna 8).

Il-blog ta’ vera m’għandux ċensura. Il-blog huwa kultura li t-televiżjoni llum m’għandix.

It-televiżjoni saret żibel ta’ programmi matul il-ġurnata kollha u bil-lejl: ir-ripetizzjonijiet! Qisu t-trakk għadda darbtejn.

Fil-post fejn saret il-laqgħa tal-bloggers it-televiżjoni kienet fuq il-Bonaci Sorpriża. Dawk li ddeċidew li jieħdu kopja riduttiva ta’ Tista’ Tkun Int. Għandhom ħaġa bla distinzjoni: fil-passat tnejjku bi skoss nies kemm felħu imma ara biss min jitnejjek bihom. Għax jitilfu l-gruppi ekonomiċi!

Il-laqgħa tal-bloggers tat-22 ta’ Diċembru kellha l-kunċett tal-Creative Commons, li teħles l-informazzjoni:

Jekk jiena għandi ewro u inti għandek ewro u npartuhom: fl-aħħar se jkollna ewro kull wieħed. Imma jekk jiena għandi idea u inti għandek idea oħra u npartuhom: fl-aħħar se jkollna żewġ ideat kull wieħed li minnhom kapaċi toħroġ it-tielet idea.

L-informazzjoni Maltija għandha bżonn lil bloggers daqskemm Gonzi għandu bżonn lil Dalli u daqskemm Sant għandu bżonn jagħlaq ħalqu u daqskemm Peppi għandu bżonn il-PBS u daqskemm il-PBS għandha bżonn tneħħi l-aerials mill-bjut tal-poplu biex tiġi privatizzata "uffiċċjalment" u daqskemm il-gvern għandu bżonn iżid il-fibbra ottika minn but il-poplu u jpaxxi ċertu kumpaniji ta' l-internet u daqskemm il-president għandu bżonn jibgħat lill-mara tiġbor il-ħnieżer biex jinħafru d-dnubiet.

L-opportunità għall-informazzjoni Maltija tinsab f’idejn il-bloggers.

Tħalluhomx jinvadu dan l-ispazju wkoll!

2 Comments:

Anonymous Anonymous said...

Milied Hieni ja ateju l'int. Dwar x'naghmel jien... forsi Jacques of all trades! Imma insomma, tghid li ma tafx x'naghmel imma probabbli int wiehed mill ftit li qara il-personal web page tieghi.
sahhiet
ha mmur inkompli innaqqas il-body weight tad-deceased turkey.

jrz
(j'accuse)

26 December 2007 11:34  
Blogger jean paul said...

Għadni ma qrajtx din il-bloggata sew imma ovvjament ġibidli l-attenzjoni ismi. Josephine Zammit Cordina.... daqshekk tedjanti jien? Jew dik li tagħmel Waltzing Matilda? ha ha ha għoġbitni!!!!

26 December 2007 13:06  

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home