Erodi Gonzi

Lejlet il-milied, niftakru fl-istorja ta' l-ex bambin. Meta twieled, u mbagħad wara sabuh il-maġi li mxew wara l-istilla li ħadithom s'għand Erodi Antipa li prova jqarraq bihom imma wieħed mill-maġi ġie lluminat u ħarbu minn taħt Erodi.
Imma Erodi, skond San Mattew biss, ma qatax qalbu u qatel xi skoss subien ta' l-età li kellu l-ex bambin. Erodi milli jidher, ma ħax l-approvazzjoni tas-Sinedriju u l-anqas ta' Ruma biex għamel dak il-massakru.
Interessanti kif Erodi rnexxielu jagħmel dan kollu 4 snin qabel ma twieled il-bambin.
Elfejn u seba' snin wara Malta kellha lil Lawrence Gonzi. Li fit-twelid ta' Malta fl-Ewropa, mexa wara stilla li ħaditu sa Lisbona; bl-illuminazzjoni ta' l-oppożizzjoni, u ffirma t-trattat ewropew. Milli jidher Gonzi, ma ħax l-approvazzjoni tal-poplu Malti biex għamel dan il-att.
Interessanti kif Gonzi rnexxielu jkun jaf x'hemm fit-trattat 4 snin qabel ma ġie quddiem għajnejh. Skond hu: il-qbil mal-kostituzzjoni ewropea (magħruf ukoll bhala trattat) hija obbligu minn Malta għax huwa parti mill-ftehim tal-pakkett oriġinali!!!
Dan it-trattat jikkonsisti wkoll f'Politika ta' Sigurtà u Difiża.
Ir-rabta man-NATO hija qawwija. Is-servizz militari huwa jingħata kuraġġ uffiċċjalment:
"L-iStati membri għandhom jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu progressi fil-kapaċitajiet militari tagħhom."
(artiklu 27 - 3 tat-trattat il-ġdid)
Dan huwa l-uniku punt mit-trattat kollu fejn l-istati membri qed jiġu mħeġġa jagħtu sussidji u jżidu l-ispiża pubblika.
F'isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu, l-interventi militari barra mill-ewropa huma mħeġġa wkoll:
"Dawn il-missjonijiet jridu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż l-appoġġ mogħti lil-terzi pajjiżi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu fit-territorju tagħhom."
(artiklu 28 tat-trattat il-ġdid)
Ma nafx għaliex dan l-artiklu jfakkarni fl-Iraq u f'dawk it-tfal li ma jistgħux jieħdu kura medika għax il-pajjiż li jemmen ħafna fil-libertà qiegħed iwaqqaf kimika forma ta' likwidi lejn dan il-pajjiż għax forsi jaħsbuhom bombi.
Dawk l-artikli ffirmahom Erodi Gonzi f'isem il-poplu Malti.
Is-skiet ta' Ponzju Pilatu, li mill-passjoni ddeffes fil-kredu tal-milied, huwa wkoll parti minn din il-firma.
Il-milied it-tajjeb Erodi.
Nawguralek li t-tqarbina ta' nofs il-lejl tinżillek għasel qabel ma tbattalha.


































0 Comments:
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home