Użura galà galore

Propjetarju ta’ kumpanija għandu problemi finanzjarji. Wara li l-bank selfu u dejnu sa snienu, dan il-propjetarju rnexxielu jtih dak li kien tal-bank wara bosta passi ġudizzjarji.
Dan il-propjetarju ftit xhur wara reġa’ kellu problema finanzjarja serja u l-kumpanija żamma miftuħa biex ikun jista’ jkampa. Il-kumpanija kienet magħmula mill-ħaddiema impjegati.
Tal-VAT ukoll bdew jiġru wara dan il-propjetarju. Iżda dan il-propjetarju kellu għażla:
- jew iħallas lil tal-VAT
- jew iħallas lill-ħaddiema
Iddeċieda t-tieni waħda u llum qiegħed jipprova jfiehem lill-ġustizzja li l-ħaddiem huwa bniedem u mhux taxxa.
L-istigazzjoni għad-dejn huwa omiċidju taħt il-kappa tal-liġi. Rati ta’ interessi ta’ 15% u 20% għandhom jiġu kkunsidrati bħala użura bl-ingrivata. Il-kumpaniji jaqalgħu l-flus fuq ir-rati u mhux fuq il-valur tal-prodott.
Qabel kienu jgħidulna ”erfa’ u sorr għal meta tiġi bżonn”. Illum jgħidulek biex tixtri u tiddejjen u tħallas sitt xhur wara bir-rati.
Illum jgħidulek li l-pajjiż għandu garanzija f’kull settur li ma hemmx bżonn li tiffranka l-flus. Li d-dejn huwa mod kif Malta tiġi modernizzata.
Fl-antik konna foqra u bla dejn. Illum: skjavi moderni u bid-dejn.
Ir-riklami billbordjani u vidjografiċi fil-belt Valletta juru banek li jiksu lill-klijent bid-deheb. Imma meta tmur quddiem il-kaxxiera tinduna li dawn iridu IBIEGĦU, IBIEGĦU, IBIEGĦU.
Lill-kumpaniji ma ħallewhomx ażjendi ta’ servizzi imma kumpaniji li akkost ta’ kollox irid jbiegħu il-prodotti tagħhhom u jilħqu il-budget kummerċjali. L-istudenti gradwati qegħdin jispiċċaw rappreżentanti tal-prodotti u kontra qalbhom japprofittaw mid-diffikultajiet ta’ ħaddieħor u huwa diffiċli ħafna li jingħata servizz validu għall-klijent.
Il-kumpanija mdejjna mal-bank.
Il-ħaddiem imdejjen mal-bank.
Il-klijent imdejjen biex mal-bank.
Dawn in-nies ma jridux soċjetà adulta. Hemm bżonn ta’ edukazzjoni serja biex it-tfal isiru adulti.
Huma adulti dawk li jiddejnu biex imorru vaganza f'bajja tropikali? Huma adulti dawk li jiddejnu biex jixtru teknoloġiji avvanzati? Huma adulti dawk li jixtru karozzi li jiswew iżjed mill-bżonn? Huma adulti dawk li jistrieħu meta jagħmlu shopping jew jilgħabu l-videogames?
Jittrattawna bħat-tfal. Ituna l-flus u jeħdulna iżjed.
Juruna xi ħaġa aħjar u aħna rriduha bħal tifel żgħir li qatt mhu sodisfatt għax ra xi ħaġa ġdida.
Hekk iriduna, hekk iridu jibnu s-soċjetà ta’ għada, soċjetà ta’ psewdoadulti bil-kartiera li jġibu ruħhom bħat-tfal.


































0 Comments:
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home