contact: info@sandrovella.org

Tuesday, 2 October 2007

Andrea Notari

Iltqajt ma’ dan ir-raġel virtwalment. L-istorja tiegħu laqtitni ħafna direttament. Jiena ili oħxon ħafna minn mindu kelli wieħed u għoxrin sena. Bdejt neħxien minn meta kelli erbatax. Bdejt neħxien waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola fejn kont nitgħallem Matematika, Reliġjon, Xjenza, Edukazzjoni Fiżika u kif niekol żjut u ħmieġ mill-canteen. Kemm il-darba ġew tas-sanità imma flok jaraw kemm il-doża ta’ żjut hemm fl-ikel u kemm l-ikel ilu fil-vetrina u kemm il-dubbiena daret miegħu, kienu jaraw biss jekk hemmx xi traba fuq xi mejda.

Għaddew tlieta u għoxrin sena u l-affarijiet baqgħu l-istess. Skejjel u kulleġġi mimlijin canteens li joffru ikel ħażin għas-saħħa bi prezzijiet għoljin iżjed mill-pressjoni li taqbdek wara li tkun kilt.

Il-ħxuna tiegħi għenitni biex nagħmel karattri televiżivi u teatrali li kellhom id-daqs tiegħi iżda l-effetti tagħha huma koroh ħafna. Il-ħxuna hija l-iżjed ħaġa orribbli li setgħet tiġrili f’ħajti. Nonfoħ biex nitla’ t-taraġ, uġigħ fis-sider darba kull ħmistax, qtugħ ta’ nifs kontinwu.

Fil-programm Xarabank ta’ żmien ilu niftakar li kien hemm xi nies jiftaħru bil-ħxuna tagħhom u li kuntenti kif inhuma għax mhux l-apparenza tgħodd imma l-qalb. Li ma jafux li l-qalb ma tagħtix każ l-apparenza u tattakkahom mill-lejl għan-nhar.

Fl-istess programm niftakar mara rqiqa tgħid li kellha tirqaq għax kienet qegħda tbati diskriminazzjoni biex issib xogħol. Lil dak li ma aċċettahix fix-xogħol għandha tirringrazzjah għax kienet saret vera mara sabiħa: sabiħa għax b’saħħitha.

Bniedem li jħaddem u jkollu jagħżel bejn mara rqiqa maledukata u mara ħoxna edukata, għandu jagħżel il-mara ħoxna u jekk sa sitt xhur prova ta’ xogħol ma tirqaqx b’mod li jagħmel sens: jirriserva d-dritt li jkeċċiha l-barra. Mara u raġel ħoxnin ħafna jispiċċaw jużaw ħafna sick leave wara ċertu snin.

Il-ħxuna hija maledukazzjoni u maledizzjoni.

L-istorja ta’ Andrea Lotari, Taljan minn Capri tixbah lil kull min hu oħxon bħali li jrid jirqaq akkost ta’ kollox. Mar taħt l-għodda tal-mediċina mal-ewwel u spiċċa fi stat ħażin ħafna.

Għandu 42 sena, ilu 20 sena abbandunat totalment minn istituzzjonijiet u tobba li esperimentaw fuqu. Jekk b’xi mod tafu lil xi ħadd li onestament jista’ jgħinu u mhux iġib il-flus l-ewwel, jew jekk tistgħu ibgħatulu e-mail bit-Taljan biex tagħmlulu kuraġġ, tkellmuh ftit u turuh li ma jinsabx waħdu u li intom tiswew aktar mill- professuri li qerduh.

Min ma jafx jikteb bit-Taljan sewwa u jixtieq jibgħatlu, jista’ jibgħat e-mail lili u nibgħatielu lura biex ikun jista’ jibgħatha lil Andrea.

L-e-mail ta’ Andrea Lotari huwa andrea-lotari@libero.net

L-istorja ta’ Andrea issibha hawnhekk.

1 Comments:

Anonymous Gertrude said...

Nemmen li hemm zewg tipi ta' hxuna, il-hxuna estrema li xxekkel lill-individwu fil-hajja ta' kuljum u l-hxuna vanituza li ukoll tista' u xxekkel lill-individwu fil-hajja ta' kuljum...

Jien inqis ruhi fost dawn tat-tieni kategorija li finalment nahseb li hija l-iktar kommuni... Ghalxejn in-nies jghiduli li m'inix hoxna... ghax is-sitt kilos li zidt f'dawn l-ahhar sitt snin affettwawli is-self esteem, l-istil ta' hwejjeg li kont nilbes, il-mod li bih nitkellem u nahseb dwar il-hxuna..

Qabel kont konvinta li min hu ohxon huwa hekk ghax irid.. jew ghax ma jrid jaghmel xejn dwar il-hxuna.. illum naf li mod iehor..
Iktar ma tikber tinduna li l-hxuna hija ferm aktar difficli li tehles minnha, u jekk jirnexxielek izzomm dieta stretta, jew anke aktar laxka, li it-tnejn huma difficli ghal min imdorri jiekol certu ikel kuljum, ir-rizultat jitgawda biss ghal ftit jiem.. Dak li qabel kont innaqqas fi tlett ijiem, illum irrid tlett gimghat.. u xorta l-elasticita tal-gisem hija differenti minn dik ta' meta kelli 15 u 18 il sena.

Nemmen li s-sitt kilos tieghi huma difficli ghalija u ta' xkiel f'hajjti daqs is-sebghin kilo zejjed li jgorr individwu b'obesita.. bl-istess argument nemmen li hawn minn hu daqsi u daqs l-individwu b'obesita, u f'hajjtu ma jrid ibiddel xejn...

Finalment kollox jiddependi mill-psikologija tal-bniedem.. jew min-nies li l-hajja tlaqqghak maghhom.

Kieku kelli naghti parir lil min bhali mhux kuntent bid-dehra u bis-sahha tieghu b'relazzjoni mal-hxuna), ikun dan... Thallux ic-celloli mikroskopi tat-taste buds, jikkontrollaw x'jidhol u ma jidholx fil-gisem... ta' linqas thalluhomx jikkontrallaw il-hin kollu, kultant iddefendu lil gisimkom...

03 October 2007 12:47  

Post a Comment

Links to this post:

Create a Link

<< Home