10 proposti għal Budget 2008

Iddeċidejt li nikteb lill-prim ministru ta' Malta. Le, ma kibritlix rasi. Aktar kibritlu rasu hu li bagħtli fuljett id-dar biex jitlobni parir.
Iva, il-prim bagħtli fuljett tal-familja mimli ritratti u kuluri bil-proponimenti għall-Budget 2008 u twettiq li għamel gvern Nazzjonalista minn meta Edward Fenech Adami ħa l-promozzjoni.
Fl-aħħar paġna qalli biex niktiblu l-proposti tiegħi lejn dan il-Budget jew nibgħatlu e-mail. Dawn huma l-għaxar proposti tiegħi li bagħtlu :
L-ewwel proposta : Inqas użu tal-karta.
Għażiż prim ministru, inti għoġbok tibgħatli dan il-fuljett bil-kulur biex inkun nista' nibgħatlek e-mail il-proposti tiegħi tal-Budget 2008. Nippreferi kieku timxi ma' l-eżempju li inti stejt tajt u dawn it-tip ta' fuljetti li jiswew ħafna flus jintbgħatu bl-e-mail. F'pajjiż li ġie klassifikat it-tieni fl-Unjoni Ewropea bħala użu ta' l-informatika ifisser li kulħadd b'xi mod għandu aċċess ta' l-e-mail.
It-tieni proposta : Rendikonti
Skond proposta tiegħek il-pagi tal-parlamentari se jibdew ikunu trasparenti. Ma' dan ir-rendikont żid kemm il-gvern jieħu minn multi tal-kuntratturi li ma jirrispettawx data ta' l-għeluq.
Żid ukoll kemm tiswa l-propaganda tal-gvern kemm lokali u internazzjonali.
Bir-rendikonti nkunu nistgħu nagħtu iżjed pariri fuq x'għandu u x' m'għandux u kif jintefaq.
It-tielet proposta : Microsoft
L-iskejjel pubbliċi, il-qrati, l-isptarijiet pubbliċi, kastilja u dipartiment tal-gvern iħallsu ħafna flus ta' drittijiet ta' awtur lejn Microsoft. Apparti minn hekk dejjem jinxtara apparat ġdid kull darba li Microsoft joħroġ software ġdid.
Sa l-2015 il-kumpaniji mhux se jibqgħu jużaw Microsoft għar-raġuni li għoxrin sena qabel hawn il-Free Licence Software u l-Open Source. Software bla flus.
L-investiment kbir li qed isir fuq l-edukazzjoni se jisfa fix-xejn għax l-istudenti se jiltaqgħu ma' dan is-software li mhux ħa jkunu familjari miegħu.
Ir-raba' proposta : Is-Saħħa fl-Edukazzjoni
Fil-fuljett inti proponejt miżuri u edukazzjoni kontra l-ħxuna żejda.
L-ewwel m'għandu jsir huwa li mill-iskejjel u kulleġġi kollha f'Malta il-canteens jieqfu jbiegħu affarijiet magħmulin miż-żjut u xaħam.
Fuq il-canteens ta' l-iskejjel ma hemmx kontroll, għax huma tal-privat, bħal pizza li tkun ila hemmhekk xi jumejn sakemm tinbiegħ.
Il-canteens ma jinsabux erba' passi l-bogħod mill-iskejjel imma erba' passi l-bogħod mill-klassijiet u għar-rikreazzjoni tiegħu l-istudent ikollu juża s-servizzi tal-canteen.
Il-ħames proposta : L-Ewro
L-Ewro għandha tiġi stampata f'Malta u mill-Maltin. Il-progress lejn l-Ewro għandu jfisser dan ukoll. Il-flus li se niffrankaw mir-rata tal-kambju se nonfquha ħlas biex ikollna l-munita tagħna ġo darna.
Qisni jiena ktibt ktieb u biex inżomm il-ktieb tiegħi ġo dari qed inħallas id-drittijiet ta' l-awtur.
Is-sitt proposta : It-toroq
It-toroq li saru huma tajbin biss għal għoxrin sena. It-tbatija psikoloġika li batejna aħna f'żewġt isjuf fl-eqqel tas-sħana wara ġurnata xogħol se jbatuh uliedna għoxrin sena oħra.
It-toroq iridu jsiru b'mod li jdumu ħafna iżjed minn 20 sena jew 20 xahar. U jekk ikun hemm bżonn manutenzjoni ħabba irresponsabbilta' tal-kuntrattur huwa l-kuntrattur li jrid iħallas ix-xogħolijiet tal-manutenzjoni flimkien ma' multa.
Is-seba' proposta : It-trasport pubbliku
"Nipproponu li ndaħħlu l-inċentiv għal aktar użu ta' biodiesel".
Hemm diskussjonijiet kbar fuq l-użu tal-biodiesel li moħħi huwa żgħir wisq biex ilaħħaq magħhom. Il-biodiesel jirrikjedi l-użu ta' 20% ta' l-ilma u l-pestiċidi jiżdiedu b'20% u d-differenza bejn id-diesel u biodiesel hija minima ħafna.
Il-popolazzjoni tad-dinja qed tiżdied imma r-raba le. Ir-raba mhix biżżejjed għal din il-popolazzjoni. Li tagħti parti kbira mill-ħxejjex tar-raba lill-muturi tal-karozzi flok lil mutur ta' ġisimna, fil-fehma tiegħi, nippreferi d-diesel.
Il-biodiesel ma jtejjibx it-trasport pubbliku. Huwa l-gvern li għandu jtejjeb it-trasport pubbliku. L-alternattiva għad-diesel bl-ilma huwa gvern serju u mhux il-biodiesel.
It-tmien proposta : PBS / Brand Malta
Fil-fuljett tal-budget inti nsejt issemmi l-PBS li għal dawn l-aħħar snin għamlet riforma kull għaxar minuti.
Il-PBS attwalment hija l-unika font ta' komunikazzjoni li għandna mal-bqija tad-dinja peress li fil-web-site tat-turiżmu hemm nuqqas ta' videos u dokumentarji dwar pajjiżna.
Niftaħru li dan huwa t-tieni pajjiż li juża l-informatika mill-Unjoni Ewropea kollha u l-PBS huwa l-uniku stazzjon nazzjonali fid-dinja li mhuwiex fuq is-satellita u ma jipprogrammax il-programmazzjoni sħiħa tiegħu fuq l-internet.
Fuq bażi lokali l-poplu apparti l-ħlas li jagħti lil Wireless and Telegraphy (ex-liċenzja), iħallas il-Melita Cable jew Multiplus fix-xahar biex jara l-PBS għax minnħabba l-progress tat-teknoloġija f'ċertu lokalitajiet TVM huwa batut għax intefa' xi apparat quddiem l-aerials tagħna.
Is-satellita u l-cable mhumiex il-futur tad-dinja però huma l-preżent ħabba l-burokrazija tal-biża li għandhom dawk li jridu jibqgħu fil-passat. L-internet huwa l-futur tad-dinja televiżiva. Il-ministeru tat-turiżmu nefaq ħafna flus fuq Brand Malta biex dehru fuq is-CNN. Is-CNN qegħda fuq is-satellita.
Niffrankaw iżjed fi Brand Malta kieku nitfgħu l-PBS direttament fuq is-satellita u sa ftit żmien ieħor fuq Joost. ( www.joost.com )
Ovvjament il-programazzjoni trid tinbidel minn fuq sa isfel.
Id-disa' proposta : L-Ekoloġija
It-taxxa dwar l-ekoloġija hija nġusta għal min iħobb l-ambjent. Jekk jiena xtrajt computer u nħobb l-ambjent m'għandix inħallas taxxa għal min xtara computer u ftit snin wara ddeċieda li jarmih barra t-triq. Għalhekk hemm il-multi.
L-EcoTax hija taxxa għal dak il-bniedem li jsuq bi prudenza u jħallas taxxa żejda ħabba dak ix-xufier li ma waqafx mad-dawl aħmar.
Mill-fuljett tiegħek : "Nipproponu inċentivi aħjar favur is-solar heating għad-djar u kumpaniji."
Din is-sena intefqu miljuni ta' liri fil-powerstation biex jiġi evitat iżjed qtugħ ta' dawl li ġraw matul din is-sena. U issa qed naqra dan il-proponiment tiegħek. Ma kienx aħjar li tinvesti dawk il-miljuni mal-ewwel f'sistemi ta' enerġija solari.
Smartcity m'għandux ikun il-futur ta' dan il-pajjiż imma l-preżent bħal mas-servizz tajjeb tat-trasport pubbliku għandu jkun il-passat. L-investiment li kellha tagħmel Malta kien li tattira l-kumpanija ARISE TECHNOLOGIES f'pajjiżna.
Ġimgħa ilu l-Arise Technologies, ażjenda kanadiża ta' l-enerġija solari, investiet il-bini tagħha fil-Ġermanja. L-investiment huwa ta' 50 miljun ewro u se titrasforma ruħha f'eluf ta' postijiet tax-xogħol ġodda. Din il-kumpanija qed tinvesti fil-Ġermanja għax rat il-potenzjal qawwi tal-ħaddiema Ġermanizi u l-għajnuna li tagħti lil pajjiżi Ewropej oħra.
Issa nispiċċaw nixtru ż-żejt mil-Libja u l-enerġija solari mill-Ġermanja.
Il-gvern iffoka wisq fuq teknoloġija li tiskadi darba kull tliet xhur. Nipproponilek biex tkellem lil rappreżentant ta' l-Arise Technology u tara x'tista' takkwista. Dan huwa e-mail ta' rappreżentant minnhom : frank.ruffolo@arisetech.com .
Bħalissa t-temperatura fil-Ġermanja hija sittax il-grad. Il-Ġermaniżi huma iżjed żvantaġġati minnha u rnexxielhom għax għandhom ħaddiema u gvern ħabrieki u ma jaħlux il-ħin jiġġieldu u joħorġu stqarrijiet fuq kwistjonijiet ta' snin ilu.
L-għaxar proposta : L-immigrazzjoni illegali / sigurtà / ġustizzja
(ma jissemmewx fil-proposti tal-Budget 2008)
Il-kelma immigrazzjoni hija tabù. Fil-fatt l-anqas inti ma semmejtha fil-budget tiegħek. Dan jista' juri kemm dak il-ktieb li bagħtli d-dar jista' jkun farsa. Għax inti taf tajjeb li se jintefqu ħafna miljuni ta' liri s-sena d-dieħla ħabba l-influss tal-passat u tal-jiem li ġejjin.
Kif ma tipproponix sa kemm il-pajjiż jiflaħ għal din in-nefqa? U kif ma tgħidx xi twettaq dan l-aħħar fuq din il-problema?
L-immigrazzjoni llegali ġagħlitna nitilfu l-valur vera tal-kelma. Razziżmu u solidarjetà jintużaw wisq fil-vojt. Solidarjetà mhix timxi 20 kilometru għal min ma jistax jimxi imma hija tagħmel 20 siegħa fuq siġġu tar-roti. Razzist mhuwiex bniedem li jindirizza l-problema ta' l-immigrazzjoni llegali.
Dan bħal ma inti sħaqt fuq Jesmond Mugliett. Bniedem li jindirizza l-korruzzjoni mhuwiex korrot. Bniedem li jindirizza l-immigrazzjoni llegali mhuwiex razzist.
Razzist tista' tkun inti sur prim ministru, li f'dak il-fuljett ta' propoganda, hemm biss ritratti ta' persuni bojod u ma ssibx tifel jew raġel iswed.
Fil-fosos tal-Floriana inti sħaqt li dawn huma vittmi tal-kriminalità. Min huwa vittma tal-kriminalità huwa kriminali. L-onest huwa vittma ta' l-onestà.
Fl-antik f'Malta kienu jemigraw il-bdiewa. Illum qegħdin jemigraw il-gradwati.
Il-proposta tiegħi lejn l-immigrazzjoni illegali hija li inti prim ministru tieqaf tkun politically correct, tieqaf tkun electorally correct u tkun correct lejn min jaħdem tmien sigħat kuljum u jagħti tliet xhur mill-paga tiegħu lill-gvern.
Ma nistax nagħti proposti fuq sigurtà, ġustizzja u l-evażjoni fiskali għax fil-ktejjeb li bagħtli ma hemmx proponimenti u ma hemmx riżultati.
Dejjem tiegħek,
Sandro Vella
ħaddiem li jħallas it-taxxi


































4 Comments:
"Bongu Onorevoli Gonzi"
hekk missek indirizzajtha l-email.
Izda tibzax. Gonzi mhux se jiehu ghalieh. Ragel umli u modest.
Jien cert li jiehu 7 jew 8 mill-proposti tieghek.
bil-germaniz, il-malti qatt ma kien intiz, sandro
Naqbel mieghek mija fil-mija onorevoli Sandro.. u la fhimt xi ktibt jien nista' nassigurak li Malti ktibt u mhux Germaniz...
Kellu bzonn il-Prim jisma' minn dak li ghidt int.. u jiehu mqarr wahda mill-proposti tieghek (mhux 7 jew 8).. izda naghzqu fl-ilma qieghed hux.. il-budget ilu lest gimghat shah...
u sakemm il-proposti ghadhom dehlin, ahna ninsabu hawn minnghalina li ghandna xi seta' jew poter fuq kif nghixu hajjitna..
Prosit Sandro Kellu Bzonn Jiehu 8 jew 9 mill- proposyi Tieghek
Post a Comment
Links to this post:
Create a Link
<< Home